Il-Programm tal-Milied tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta jitella’ bejn s-27 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru fil-pjazez ewlenin u t-toroq pittoreski tal-Belt Valletta filwaqt li d-dawl tal-Milied u d-dekorazzjonijiet jistgħu jkomplu jitgawdew anke matul l-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta din is-sena għażlet li tenfasizza l-messaġġ tagħha għall-paċi filwaqt li timmarka dan il-perjodu u ġġib lura tradizzjonijiet li ntilfu matul is-snin. Fost dawn hemm il-purċissjoni tal-Bambin fit-22 ta’ Diċembru, li titlaq mill-Knisja tal-Vitorja fis-6pm u tipproċedi lejn Triq Żakkarija, Triq ir-Repubblika u Pjazza San Ġwann – fejn l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jwassal messaġġ. Il-purċissjoni tiġi fi tmiemha fi Pjazza Tritoni.
Fis-27 ta’ Novembru fis-8.30pm, The Travelers se jniedu s-single l-ġdida tagħhom tal-Milied, Tridx Tkun Tiegħi Dan il-Milied? bi sehem Ira Losco, Gianluca Bezzina, u Michela.
Fix-xahar ta’ qabel il-Milied, it-toroq tal-Belt Valletta se jieħdu l-ħajja bi stilt walkers u animaturi tat-toroq fit-2, id-9, l-10, is-16, is-17, it-23, u l-24 ta’ Diċembru bejn il-10.30am u n-12.30pm. Fit-8 u t-12 ta’ Diċembru, l-animaturi se jimirħu madwar il-Belt, filwaqt li joħolqu atmosfera liema bħalha, bejn il-5:30pm u t-8:30pm.
Fl-4 ta’ Diċembru, ser jinxtegħlu l-Projezzjonijiet tal-Milied fi Pjazza San Ġorġ, fis-6pm.
Is-Siġra tal-Milied ħdejn il-bini tal-Parlament kif ukoll il-Presepju li jirrakkonta t-twelid ta’ Kristu u d-diversi attivitajiet li jittellgħu għall-familji, jdaħħlu lil kulħadd fl-ispirtu. Iċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena fil-Belt Valletta mbagħad jipprovdu spettaklu li jinkludi wirja speċjali ta’ logħob tan-nar fil-Port il-Kbir.
Żur il-paġni tal-Aħbarijiet tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna ta’ Facebook għal aktar informazzjoni.