Prestazzjoni ta’ mużika live minn Carlo Muscat Quintet fi Pjazza Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta (id-daħla tal-Konkatidral ta’ San Ġwann).
Il-Kwintett ta’ Carlo Muscat idoqq melodiji inqas magħrufa minn uħud mill-aktar reġistrazzjonijiet importanti tal-jazz tas-seklu 20. Fil-grupp hemm Alex Bezzina fuq it-trumbetta, Dominic Galea fuq il-pjanu/keyboards, Anthony Saliba fuq il-bass, Joseph Camilleri fuq id-drums, u Carlo Muscat fuq is-sassofonu.
Dawn il-mużiċisti ilhom idoqqu flimkien għal diversi snin, kemm lokalment kif ukoll barra, u ngħaqdu flimkien biex jiżviluppaw ħoss li jiddeskrivi aħjar l-isfond u l-approċċ mużikali tagħhom. L-idea wara l-proġett hija li jesperimenta b’firxa wiesgħa ta’ ħsejjes permezz ta’ arranġamenti kreattivi għal żewġ strumenti solo; is-sassofonu u t-trumbetta. Dan jagħmel differenza notevoli fil-mod ta’ kif jiġu avviċinati l-melodiji peress li wieħed il-ħin kollu jżomm f’moħħu kif iż-żewġ strumenti qed jinteraġixxu u jaħdmu bejniethom.
Is-sett se jinkludi arranġamenti ta’ reġistrazzjonijiet importanti tal-kwintett minn albums tal-jazz tas-seklu 20, b’ħoss li huwa uniku għal dan il-kwintett.
Dan l-aveniment ser jittella’ f’Pjazza l-assedju l-Kbir u huwa parti mill-Programm Milied fil-Belt tal-Aġenzija Kultuarli għall-Belt Valletta, li ser iseħħ bejn it-8 u l-24 ta’ Diċembru fil-pjazez prinċipali, postijiet strateġiċi u t-toroq pittoreski rtal-Belt Valletta. Id-dwal tal-Milied u d-dekorazzjonijiet jistgħu jitgawdew mil-20 ta’ Novembru sal-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.
Minħabba l-miżuri ta’ mitigazzjoni ta’ kontra l-COVID-19, int ġentilment mitlub tibgħat email fuq info@vca.gov.mt biex tirriserva postok f’din l-attività. Il-postijiet huma limitati. Il-biljetti huma bla ħlas.
Żur [il-paġna ta’ Facebook](https://www.facebook.com/vallettaculturalagency) jew il-websajt tal-aġenzija (www.vca.gov.mt) għall-programm sħiħ.