Bejn Linja u Oħra, il-produzzjoni li ser titella’ fi Pjazza Teatru Rjal nhar is-Sibt 12 ta’ Ġunju, toffri “spettaklu lingwistiku ta’ esperjenzi”.

Dan spjegawh Albert Marshall, Ray Calleja u Norbert Bugeja, li flimkien jiffurmaw it-tim artistiku ta’ Bejn Linja u Oħra.

Oriġinarjament din il-produzzjoni kienet maħsuba bħala mixja madwar il-Belt b’kitba bbażata fuq ix-xogħol letterarju ta’ diversi poeti u awturi klassiċi u kontemporanji. Filfatt l-iskript għadu bbażat fuq din il-mixja u l-esperjenza sħiħa li kellu f’moħħu Norbert Bugeja meta ħejjih.

Bugeja ħa kitba ta’ awturi Maltin u oħrajn li mhux Maltin u abbinhom fi skript multilingwi mal-elementi ta’ belt – fil-każ tagħna il-Belt Valletta.
Huwa spjega kif hemm rabta intima bejn il-versi fl-iskript u l-imkejjen li minnhom qed toħroġ il-poeżija. Il-vuċijiet tal-Belt joħorġu minn din ir-rabta li tieħu l-forma ta’ konverżazzjoni mal-ispazju. Huwa jtenni li jekk nifhmu dawn il-vuċijiet il-Belt ser tiżelva affarijiet ġodda filqwat li ser inkunu qed niskopru l-Belt Valletta minn angoli li mhux dejjem ikellmuna mal-ewwel meta inkunu qed nagħmlu x-xogħol u l-qadi ta’ kuljum.

Ray Calleja jgħid li permezz ta’ din il-produzzjoni, “qed nagħtu r-ruħ lill-ġebel… Hija dwar in-nies li għexu fiha, in-nies li ħakmuha, in-nies li ħabbew fiha – hemmhekk joħroġ l-element uman ħafna tal-Belt – fl-irkejjen u fit-toroq li forsi m’aħniex familjari magħhom għax huma qishom l-underground tal-Belt”.

L-iskript mhux ibbażat fuq karattri iżda fuq vuċijiet storiċi, u l-karattri li ġew maħluqa jiriflettu dawn il-vuċijiet. Ser ikun hemm ukoll l-element viżiv ta’ kor Grieg. Il-palk ser ikun għeri iżda l-kostumi huma elaborati ħafna.

Il-kitba ser tkun riflessa permezz ta’ pavaljuni li jagħtu dehra ta’ Belt festiva. L-produzzjoni tinkludi wkoll ritratti artistiċi ta’ Elisa von Brockdorff li jirrappreżentaw il-mixja madwar il-Belt. Siltiet mill-iskript ser ikunu kantati u l-udjenza tista’ wkoll taqra l-vrus waqt is-serata, allura dan huwa proċess li matulu tesperjenza l-kelma f’ħafna sensi.

“Nistieden lill-udjenza tigi b’moħħha u b’qalba miftuħa,” tenna Ray Calleja.

Albert Marshall żied jgħid li “t-teatru u t-teknika teatrali qed tintuża biex tanima l-kelma”.

Fi kliem Norbert Bugeja, dan huwa ċans li nnaqqsu r-ritmu ta’ riġlejna u inżidu l-pass ta’ qalbna. Għalhekk stieden lil kulħadd biex navviċinawh b’enerġija u xewqa għall-għarfien, mhux biss dwar il-Belt, imma ukoll dwarna infusna. Is-sitwazzjoni tal-Covid 19 u kif baqa’ jinbena u jinbidel il-proġett tat l-opportunità biex nimirħu aktar fuq elementi artistici u teatrali u l-kunċett baqa’ jiżviluppa f’dan il-ġojjel li ser jittella’, kompla jispjega Ray Calleja.

Għalkemm hemm sens ta’ dispjaċir fost it-tim artistiku li l-element originali li x-xogħol jinġarr minn post għall-ieħor tal-Belt kellu jiġi addattat mill-ġdid, permezz ta’ din l-evoluzzjoni li seħħet matul sena, l-esperjenza hija rikka ferm.

Permezz ta’ dan l-avveniment, l-Aġenzija Kultural għall-Belt Valletta tibqa’ fuq quddiem nett fir-riġenerazzjoni tal-belt kapitali tagħna u tkompli dejjem aktar tagħti spazju lill-artisti lokali f’dan iż-żmien diffiċli, hekk kif bdejna noħorġu mill-pandemija.

Bilijetti minn showshappening.com

Darren Agius

Credits: 1 Darren Agius

Darren Agius

Credits: 2 Darren Agius

Darren Agius

Credits: 3 Darren Agius

Darren Agius

Credits: 4 Darren Agius

Darren Agius

Credits: 5 Darren Agius

Darren Agius

Credits: 6 Darren Agius