L-EIT Urban Mobility RIS Hub Malta dan l-aħħar ikkonkluda l-Programm tal-Ambaxxaturi tal-Mobilità taż-Żgħażagħ, inizjattiva kollaborattiva li tat is-setgħa liċ-ċittadini żgħażagħ Maltin biex jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar il-mobilità urbana sostenibbli.
Il-Programm tal-Ambaxxaturi tal-Mobilità taż-Żgħażagħ li ġie konkluż reċentement u li ttella’ f’Mejju, Awwissu u Settembru 2023, ra l-parteċipazzjoni vibranti ta’ ċittadini żgħażagħ Maltin ta’ bejn is-16 u l-25 sena. Ggwidata mill-għarfien espert tal-Valletta Design Cluster, l-inizjattiva kollaborattiva pprovdiet pjattaforma dinamika għal dawn iż-żgħażagħ biex jaqsmu l-għarfien tagħhom dwar il-mobilità urbana sostenibbli u l-futur tagħha f’Malta.
Bl-għanijiet primarji li jinġabar kontribut siewi miż-żgħażagħ, jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet għal dawk li jfasslu l-politika u l-partijiet interessati tal-mobilità urbana, u li tiġi promossa parteċipazzjoni attiva fit-tiswir tal-pajsaġġ tal-mobilità ta’ Malta, il-programm qanqal diskussjonijiet impenjattivi u ideat innovattivi. Permezz ta’ ħidma fi grupp u konsultazzjonijiet ma’ diversi entitajiet, l-Ambaxxaturi tal-Mobilità taż-Żgħażagħ fasslu b’suċċess Pjan ta’ Azzjoni mimli b’rakkomandazzjonijiet azzjonabbli mmirati lejn it-tisħiħ tal-prattiki ta’ mobilità urbana sostenibbli f’Malta.
Din l-inizjattiva tenfasizza r-rwol ċentrali tal-vuċijiet taż-żgħażagħ fit-tiswir tal-futur tal-mobilità. Filwaqt li jirrikonoxxi l-potenzjal tagħhom bħala dawk li jfasslu l-bidla, il-Programm tal-Ambaxxaturi tal-Mobilità taż-Żgħażagħ mhux biss jagħti s-setgħa liż-żgħażagħ biex jikkontribwixxu l-perspettivi tagħhom iżda wkoll iwitti t-triq għal ambjent ta’ mobilità urbana aktar inklużiv u sostenibbli f’Malta.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tistieden lill-pubbliku, lil dawk li jfasslu l-politika, u lill-partijiet interessati biex jaċċessaw ir-rapport finali. Esplora l-għarfien għani u r-rakkomandazzjonijiet innovattivi mfassla mill-imħuħ żgħażagħ hekk kif jaħsbu futur aktar sostenibbli u inklussiv għall-mobilità urbana f’Malta.