Id-debutt bil-Malti tal-kummiedja rebbieħa ta’ diversi premjijiet ART ta’ Yasmina Reza, ser titella’ fi Splendid, Strada Stretta, il-Belt Valletta, bejn il-21 u t-23 u mit-28 sat-30 ta’April 2023, fis-7.30pm. Din hija produzzjoni oħra tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bħala parti mill-programm kuturali għal Strada Stretta. Bi traduzzjoni għall-Malti u direzzjoni ta’ Albert Marshall, u bis-sehem ta’ Mikhail Basmadjian, Sean Buhagiar u Ray Calleja, din il-kummiedja għat-teatru titratta l-mistoqsija “X’inhi eżattament l-Arti?”.
Minkejja dan, Arti mhix biss xogħol dwar l-arti, imma, essenzjalment, kummentarju ‘erudit’ dwar id-dinamika ta’ ħbiberija bejn tliet irġiel li r-relazzjoni interpersonali tagħhom tiġi sfidata minn kif jirrelataw ma’ biċċa tila bajda – biċċa arti astratta monokromatika – li wieħed minnhom (Serge), jixtri għall-prezz ta’ €200,000.
Arti ttellgħet għall-ewwel darba f’Pariġi fl-1994, propju 29 sena ilu, u għadha tittella’ b’suċċess sal-lum. Din hija l-ewwel darba li qed titella’ bil-Malti f’Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Programm Kulturali żur vca.gov.mt/mt/events u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.