• English
  • Malti
  • Attivitajiet
  • Aħbarijiet
  • Opportunitajiet
  • Blogs
  • Valletta Design Cluster
    • Valletta Design Cluster
    • Il-Faċilitajiet Tagħna
    • Sir Membru
      • Sħubija Regolari
      • Sħubija Annwali fi Studio
      • Sħubija Temporanja fi Studjo
    • Il-Proġetti Tagħna
      • Programmi ta’ Residenza
        • Kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv
      • Design4Innovation
      • Ulysses’ Shelter 3
      • FiftySix – Taħdidiet dwar id-Disinn
  • Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031
    • Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031
    • Avviżi
    • Skeda ta’ Żmien
    • Il-Membri tal-Panel
  • Appoġġja lill-VCA
  • Dwarna
  • Ikkuntattjana
VCA-logo[1]

It-Tosca ta’ Puccini fit-Teatru Manoel f’Marzu

Dilettanti tal-opra, ħudu nota: it-Teatru Manoel, it-teatru Nazzjonali Malti, qed iħejji biex itella’ l-ewwel opra sħiħa wara l-pandemija tal-COVID-19.

F’Marzu 2023, fuq il-palk tat-teatru nazzjonali se jitla’ kast eċċezzjonali – taħt id-direzzjoni u bis-sehem tal-istilla internazzjonali tal-opra, it-tenur Arġentin José Cura – li se jagħti l-ħajja lil waħda mill-aktar opri maħbubin fid-dinja, it-Tosca ta’ Giacomo Puccini.

F’din il-ko-produzzjoni tat-Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, bi sħab mal-Bank of Valletta, Cura se jieħu sehem bħala Cavaradossi, Tanya Ivanova bħala Tosca u Carlos Almaguer bħala Scarpia, flimkien ma’ kast lokali mill-aqwa fosthom Alan Sciberras, Albert Buttigieg, Louis Cassar u Nadia Vella. Ma’ dawn il-kantanti se jingħaqdu wkoll KorMalta, taħt id-direzzjoni tas-surmast tal-kor Riccardo Bianchi, u l-Malta Philharmonic Orchestra mmexxija minn Mario de Rose.

“Apparti jien u t-tim tiegħi u ż-żewġ partijiet prinċipali l-oħra, mill-bqija kull min se jkun fuq il-palk se jkun Malti, minn sħabi tal-Malta Philharmonic Orchestra sal-kor, it-tekniċi, il-kostumisti, l-artisti tal-irtokk, u l-bqija,” spjega l-Maestro Cura. “Il-missjoni tagħna hi li nsaħħu l-istrutturi teatrali ta’ Malta sabiex fil-futur inkunu nistgħu nirrepetu proġetti sbieħ bħal dan. Bis-saħħa tax-xogħol iebes tal-familja tal-Manoel, l-appoġġ tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, l-għajn dejjem attenta tal-Ministru għall-Kultura, u l-inkoraġġiment tal-udjenza Maltija, nistgħu ngawdu din il-produzzjoni u namplifikaw dan is-suċċess matul is-snin li ġejjin.”

L-opra ssegwi lill-kantanta tal-opra tempestuża Floria Tosca hija u tissielet biex issalva lill-maħbub tagħha Cavaradossi mill-kap tal-pulizija Scarpia. Għaldaqstant, Tosca hija storja traġika ta’ passjoni, għira, imħabba, żina, qtil u intrigu politiku. Din il-produzzjoni l-ġdida fil-Manoel se jkollha l-kostumi ddisinjati minn Silvia Collazuol kif ukoll disinn innovattiv tas-sett u l-palk minn Cura nnifsu, li ċertament se jintriga lid-dilettanti kollha li jħobbu din l-opra l-opra famuża.

“Sabiex nindirizzaw il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-orkestra taħt il-palk tal-Manoel, li sa minn dejjem impedixxa l-produzzjoni ta’ opri kbar, fassalt bidla strutturali fl-użu tal-palk sabiex inkunu nistgħu nużaw orkestra sinfonika sħiħa. Din l-idea jaf tindika mod ġdid kif wieħed iħares lejn ix-xeneġġatura, li permezz tiegħu l-opri l-kbar ikunu jistgħu jinġiebu l-Manoel fil-futur,” żvela l-Maestru Cura. “Għaldaqstant, l-udjenza għandha tħejji ruħha biex, b’moħħ miftuħ, tara u tisma’ xi ħaġa differenti mill-ambjentar operistiku tas-soltu, li tradizzjonalment ikollu l-orkestra fl-ispazju tagħha taħt il-palk, u l-azzjoni warajha. Fil-fatt, se nkunu qed nagħmlu l-oppost – ejjew u taraw!”

Il-ko-produzzjoni tat-Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tat-Tosca ta’ Giacomo Puccini se tittella’ fit-Teatru Manoel fil-5, 8, 10 u 12 ta’ Marzu 2023, bil-wirjiet kollha jibdew fis-7.30pm. Din il-produzzjoni hi addattata għal udjenzi minn 14-il sena ‘l fuq. Il-biljetti jistgħu jinkisbu permezz ta’ email lil [email protected], billi ċċempel fuq (+356) 2124 6389 jew mis-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt.

Agħmel kuntatt magħna:

  • Indirizz
    Valletta Cultural Agency, Exchange Buildings, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta

  • Numru tat-Telefon
    21242018

  • Email
    [email protected]

Żomm ruħek aġġornat.
Abbona għall-ittraħbar!

** Mhux ser nibagħtulek emails bla bżonn!

back to top
  • Politika dwar il-Protezzjoni tad-Data
  • Dikjarazzjoni dwar l-aċċessibbiltà
  • Il-Libertà tal-Informazzjoni
  • Riżorsi
  • Mappa tas-sit

© 2025 – Valletta Cultural Agency. Id-drittijiet kollha huma riżervati

Another website by TheWebAlly Logo
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.