L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tfittex parteċipanti għall-proġett li jmiss tagħha “Endemia” immexxi mill-artista Nora Byrne bħala parti minn InnovAiR 2022 fil-Valletta Design Cluster. Il-proġett jiffoka fuq skeċċjar urban, mixjiet esploratorji madwar il-Belt Kapitali, u dokumentazzjoni offline u online tar-riżultati.
Dwar il-proġett, Nora tgħid:
“Dan il-proġett juża l-għarfien tas-sitwazzjoni u l-introspezzjoni fl-iskeċċjar urban bħala forma ta’ prattika ta’ placemaking fil-Belt Valletta, filwaqt li jimpenja ruħu fi proċess ta’ studju tal-ekosistema urbana u pjanti indiġeni, jinteraġixxi mal-belt u jgħaqqad ir-residenti mal-flora lokali li tista’ tinstab fil-limiti tal-belt. Kull sessjoni se tindirizza suġġett differenti, li jvarja minn pjanti tal-fjuri sa speċi invażivi, bl-użu ta’ mezzi differenti li jinkludu l-grafita, il-pinna, l-akwarell u l-midja miftuħa”
Iltaqa’ ma’ Nora u sir af aktar dwar il-proġett fil-Valletta Design Cluster fis-16 ta’ Frar 2023.
Dwar il-proġett
Il-proġett ser jgħin lill-parteċipanti jibnu sketchbook ta’ narrattiva. L-artista Nora ~Byrne ser tispjega t-tekniki differenti li wieħed jista’ juża biex jiskeċċja n-natura, kif ukoll il-karatteristiċi ta’ pjanti u fjuri differenti, bl-appoġġ tal-għarfien espert ta’ xjenzati lokali. Din il-parti tal-proġett ser tkun ikkumplimentata b’mixjiet mal-komunità u sessjonijiet ta’ skeċċjar f’ġonna u spazji ħodor fil-Belt Valletta. Finalment, il-proġett ser jikkontribwixxi għal “mappa ħadra” ta’ dawn il-postijiet.
Il-parteċipanti ser jintalbu jattendu workshops darbtejn fil-ġimgħa. Il-workshops huma maħsuba li jsiru kull nhar ta’ Tlieta bejn is-6pm u s-7.30pm u kull nhar ta’ Sibt bejn it-3pm u l-5pm, bejn it-13 ta’ Frar u t-2 ta’ April 2023, iżda sessjonijiet oħra jistgħu jsiru f’ħinijiet differenti.
Il-parteċipazzjoni hija mingħajr ħlas, u l-attendenza għas-sessjonijiet hija fuq bażi volontarja. Bħal fi kwalunkwe proġett, aktar ma jkun hemm attendenza għas-sessjonijiet, ir-riżultat ikun aħjar.
Il-lista ta’ materjali meħtieġa għall-iskeċċjar ser tkun ipprovduta qabel il-bidu tal-kors flimkien ma’ ktieb għan-noti.
Il-parteċipanti huma mħeġġa jilbsu ħwejjeġ u żraben adattati għal din l-attività. Ser ikunu responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom matul is-sessjonijiet.
Min jista’ japplika?
Kull min għandu 18-il sena sad-data tal-applikazzjoni.
Hemm 20 post disponibbli għall-workshop u dawn ser jingħataw fuq bażi first come first served. L-applikanti li ma jkunux mal-ewwel 20 ser jitpoġġew fuq waiting list f’każ li jsir disponibbli xi post.
Applika ISSA! Imla l-formola ta’ applikazzjoni mehmuża
Data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet: Il-Ħamis, 9 ta’ Frar 2023 fil-17.00 (ħin ta’ Malta).
Applikazzjonijiet li jaslu tard mhux ser jiġu kkunsidrati.
Tixtieq issir taf aktar? Ibgħatilna email fuq ippartecipa@vca.gov.mt.