Is-servizzi ta’ Konsulent tal-Komunikazzjoni u l-Istrateġija huma meħtieġa fil-VCA, u jibdew minn Jannar 2023 b’medja ta’ 40 siegħa ta’ servizz fil-ġimgħa.
Il-Kuntratt għal Servizz ser ikun għal perjodu ta’ sitta u tletin xahar. Is-servizz għandu jitħallas bi €22 (eskluża l-VAT) fis-siegħa u mhux se jaqbeż it-total ta’ €46,500 (eskluża l-VAT) fis-sena, għal total ta’ mhux aktar minn €139,500 (eskluża l-VAT) fuq tliet snin. Kwalunkwe taxxi jew ħlasijiet oħra għandhom jitħallsu mill-kandidat li jintgħażel.
L-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta
Il-VCA hija entità tal-Gvern li ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-Belt Kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm annwali ta’ avvenimenti kreattivi żviluppati b’kollaborazzjoni ma’ artisti u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi oħra. Legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-VCA ssostni wkoll standards ta’ eċċellenza fil-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali fil-belt, filwaqt li tinkoraġġixxi aċċess u parteċipazzjoni minn udjenza diversa.
Servizzi Meħtieġa
Konsulent huwa meħtieġ biex jipprovdi gwida dwar kwistjonijiet ta’ Komunikazzjoni, Produzzjoni u Strateġija, filwaqt li jiżviluppa flimkien maċ-Chairman, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv, il-Kap tal-Komunikazzjoni u l-Kap tal-Ipprogrammar u l-Produzzjoni, direzzjoni strateġika għas-suċċess tal-organizzazzjoni.
Kompiti Ewlenin
- Stima tar-rekwiżiti tal-Aġenzija u kollaborazzjoni ma’ diversi timijiet biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti;
- L-għoti ta’ pariri lill-maniġment eżekuttiv fl-iżvilupp ta’ strateġiji komprensivi ta’ komunikazzjoni tad-ditta u l-marketing li jappoġġaw id-direzzjoni strateġika ġenerali tal-Aġenzija;
- Għajnuna lill-maniġment eżekuttiv fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji mixtieqa;
- L-għoti ta’ pariri lill-maniġment eżekuttiv dwar id-direzzjoni kreattiva u x-xiri tal-midja;
- Ħidma mad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni biex jiġu żviluppati materjali promozzjonali meħtieġa għal diversi strateġiji ta’ komunikazzjoni;
- Ristrutturar tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni biex jinbidel f’uffiċċju ta’ xandir transmedjali f’konformità mal-arkitettura tal-istorja moderna;
- It-tisħiħ tal-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni tad-Dipartimenti tal-Komunikazzjoni biex il-messaġġi tiegħu jkunu mxandra fuq diversi pjattaformi tal-midja simultanjament;
- Is-superviżjoni tal-produzzjoni ta’ dokumentarji qosra għal diversi pjattaformi li jistgħu jiġu esportati għal tila usa’ li tvarja minn midja tradizzjonali għal moderna;
- Is-sorveljanza tal-produzzjoni ta’ materjal awdjoviżiv u arkivjar, kemm jekk fil-forma ta’ edits qosra jew produzzjonijiet televiżivi b’mod sħiħ;
- It-tfassil mill-ġdid tal-istrateġiji tad-ditta u tal-marketing biex jallinjaw mal-ħtiġijiet ta’ realtajiet transmedjali moderni;
- It-tkabbir tal-impronta tal-Aġenzija online permezz ta’ rakkont ta’ stejjer ta’ involviment u strateġiji ta’ taħlita tal-midja;
- It-tfassil mill-ġdid tal-messaġġi tal-Aġenzija u l-adattament tagħhom għal diversi pjattaformi tal-midja;
- Għajnuna fl-identifikazzjoni ta’ pjattaformi li fihom l-udjenza(i) fil-mira tal-Aġenzija;
- Konnessjoni ma’ dawk l-udjenzi u involviment magħhom;
- L-iżgurar tal-konformità tad-ditta għall-pjattaformi differenti kollha tal-midja soċjali;
- Taħriġ lill-membri tad-Dipartiment tal-Komunikazzjoni fir-narrattivi transmedjali u l-arkitettura tan-narrattiva;
- Għajnuna fil-preparazzjoni ta’ proposti u preżentazzjonijiet tan-negozju;
- Kitba ta’ diskorsi kif u meta jkun meħtieġ;
- L-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet u l-proponiment ta’ soluzzjonijiet;
- Il-valutazzjoni tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ strateġiji possibbli;
- L-iżvilupp ta’ pjanijiet u politiki tal-midja b’ġestjoni eżekuttiva;
- L-għoti ta’ pariri dwar kampanji ta’ relazzjonijiet pubbliċi;
- Għajnuna fil-ħolqien u l-eżekuzzjoni ta’ inizjattivi relatati mad-ditta u l-marketing għall-VCA u l-proġetti varji tagħha;
- L-iżvilupp ta’ kontenut kreattiv għal kampanji ta’ komunikazzjoni ta’ marketing kemm tradizzjonali kif ukoll mhux tradizzjonali fuq mezzi ta’ komunikazzjoni integrati;
- Għajnuna biex tinżamm “dehra u sensazzjoni” konsistenti għall-messaġġi esterni u l-eżekuzzjonijiet kreattivi kollha;
- Il-ħolqien u l-produzzjoni ta’ materjal transmedjali;
- L-iżgurar tal-aħjar użu tar-riżorsi u t-twettiq tal-iskedi ta’ żmien fil-prijoritizzazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti;
- Kontribut ta’ ideat u għarfien espert fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-Aġenzija;
- Kollaborazzjoni ma’ timijiet biex jiġu assimilati opportunitajiet ġodda ta’ komunikazzjoni u xejriet edukattivi;
- Kollaborazzjoni ma’ professjonisti tal-marketing biex tiġi prodotta kitba għal reklami jew artikli;
- Kull kompitu ieħor li jista’ jiġi assenjat mill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv u/jew rappreżentant tagħha.
Il-fornitur tas-servizz magħżul ser jaħdem taħt is-superviżjoni tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-VCA u ser ikun meħtieġ li jkun disponibbli għal-laqgħat permezz tal-internet, fuq il-post u fl-uffiċċju. Ser ikollu sigħat tax-xogħol flessibbli u ser ikun jista’ jipprovdi servizzi f’ħinijiet mhux skedati jew mhux tas-soltu kif meħtieġ mill-esiġenzi tax-xogħol.
Kwalifiki u Esperjenza Meħtieġa
L-applikanti interessati jridu jkunu fil-pussess ta’ Kwalifika fil-Marketing, Komunikazzjoni, il-Ġestjoni (Management) jew f’qasam relatat mal-arti fil-Livell MQF 8 jew ekwivalenti, u minimu ta’ ħames (5) snin esperjenza ppruvata fis-settur kulturali u/jew artistiku
JEW
Kwalifika fil-Marketing, Komunikazzjoni, il-Ġestjoni (Management) jew f’qasam relatat mal-arti fil-Livell MQF 7 jew ekwivalenti, u minimu ta’ għaxar (10) snin esperjenza ppruvata fis-settur kulturali u/jew artistiku.
U
Irid ikun kapaċi jikkomunika bl-Ingliż u, preferibbilment, ukoll bil-Malti;
Se jitqies bħala assi għall-applikanti eliġibbli li jkollhom:
- Ħiliet eċċellenti ta’ komunikazzjoni;
- Ħiliet eċċellenti ta’ netwerking;
- Il-kapaċità li jiżviluppaw kunċetti artistiċi;
- Ħiliet profiċjenti fil-kompjuter (MS Office u Outlook);
- Attenzjoni impekkabbli għad-dettall.
Applikazzjonijiet
L-applikanti interessati huma mitluba jibagħtu ittra ta’ motivazzjoni indirizzata lill-Kap Eżekuttiv, flimkien ma’ dokument li jagħti spjegazzjoni qasira u metodoloġija dwar kif bi ħsiebhom jilħqu l-għanijiet stipulati fit-taqsima tal-Kompiti Ewlenin. Dawn id-dokumenti, flimkien ma’ CV u kopji taċ-ċertifikati, għandhom jintbagħtu bl-email fuq: hr.vca@vca.gov.mt sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-31 ta’ Diċembru 2022. Applikazzjonijiet li jaslu tard ma jiġux ikkunsidrati.
L-applikanti magħżula se jintalbu jattendu għal intervista, li tista’ ssir fuq l-internet.
L-għażla finali ser issir fuq mertu tekniku. Ser tkun ibbażata fuq analiżi tad-dokumentazzjoni sottomessa skont ir-rekwiżiti ta’ din is-sejħa, u fuq ir-riżultat tal-intervista.