Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ser ittella’ esibizzjoni bl-isem ta’ It’s All Paperwork ta’ l-iskultur Antoine Farrugia fil-bini tal-Parlament ta’ Malta.
Din l-esibizzjoni, li se tkun taħt il-patroċinju tal-Onor. Anġlu Farrugia, Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, se tkun miftuħa għall-pubbliku mit-29 ta’ Novembru sal-11 ta’ Diċembru, mid-9:00am sal-5:00pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa u mid-9:00am sa 12:00pm fil-weekends u l-festi pubbliċi.
Għalkemm l-isem jagħmel referenza għall-karti, f’din l-esibizzjoni wieħed mhux se jkun qiegħed jara xogħol magħmul bil-karti iżda skulturi fuq ġebla tal-franka li tant huwa maħdum b’reqqa u bi preċiżjoni li mal-ewwel daqqa t’għajn jagħti l-impressjoni li x-xogħol huwa magħmul bil-karti. Għalhekk, it-terminu ‘trompe l’oeil’ li normalment jintuża biex jiddeskrivi opri ta’ l-arti li tant huma realistiċi li kapaċi li jqarrqu b’dak li jkun, huwa adattat għal din l-esibizzjoni.
Farrugia beda r-riċerka u x-xogħlijiet tiegħu fuq din it-tema madwar ħames snin ilu, u issa jinsab sodisfatt li se jesibixxi x-xogħol artistiku oriġinali tiegħu wara tant ħidma, f’din l-esibizzjoni prestiġjuża.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Onor. Owen Bonnici qal: “Dawn l-attivitajiet isaħħu l-aspetti artistiċi u kulturali billi jenfasizzaw il-ġebla tal-franka tagħna bħala riżors importanti ħafna kif ukoll juru l-użu innovattiv ta’ dan il-materjal naturali f’avvenimenti kulturali bħal dawn.”
“Se nkomplu ninvestu fil-kultura tagħna sabiex nappoġġjaw is-setturi kreattivi u kulturali. Permezz ta’ sforzi bħal dawn, inkomplu nwettqu l-missjoni tagħna li nesponu aktar l-industriji kulturali u kreattivi lokali tagħna,” qal Dr Bonnici.
L-Onor. Robert Cutajar M.P., Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni u Kelliem għas-Self-Employed u l-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Koperattivi qal li “llum, il-binja tal-Parlament qed isservi bħala vetrina għall-artist Malti. Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjizna, il-kapaċità tal-artist Malti hija kbira ħafna”. Tenna jgħid li “okkażjonijiet bħal dawn qed jagħtu wkoll l-opportunità li jsir użu minn din il-binja li ma sservix biss għall-aspett leġiżlattiv, iżda anke biex kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin li jżuru pajjiżna japprezzaw dak li huwa Malti”. Robert Cutajar irringrazzja lill-artist Antoine Farrugia li grazzi għalih, in-nies li ser iżuru din il-wirja jistgħu japprezzaw il-gebla Maltija u fuq kollox il-kapacita tal-artist Malti.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta s-Sur Jason Micallef qal: “Din l-esibizzjoni tkompli tirrijafferma kemm l-Aġenzija hija kommessa li tappoġġja proġetti ta’ kwalità”.
Huwa spjega kif fix-xogħol ta’ Antoine wieħed jista’ jara kreattività artistika ġenwina li teħtieġ ħafna attenzjoni u rispett. Is-Sur Micallef kompla jgħid li huwa ta’ unur għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta li se tippreżenta dawn ix-xogħlijiet għall-pubbliku.
Din l-esibizzjoni hija xhieda tat-talent straordinarju tal-artist Antoine Farrugia. Farrugia huwa mill-Imqabba li hija lokalita’ sinonima mal-ġebla tal-franka l-aktar minħabba n-numru ta’ barrieri li jinsabu f’dawn l-inħawi. Il-fatt li missier Antoine kif ukoll membri oħra fil-familja tiegħu kienu jaħdmu fil-barrieri, ċertament ikkontribwixxa biex titrawwem f’Antoine din l-imħabba lejn il-ġebla tal-franka.
Ara l-katalgu tal-esibizzjoni hawn