L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tistieden kumpaniji u organizzazzjonijiet biex juru l-interess tagħhom biex ikunu msieħba fl-isforzi tagħha għat-titjib tal-esperjenza tar-residenti ta’, u l-viżitaturi, fil-Belt Kapitali matul is-sena.
Ftehimiet ta’ Sħubija se jkunu validi għal 3 snin mid-data li fiha l-ftehim jidħol fis-seħħ.
Din is-sejħa għandha l-oqsma li ġejjin:
– Avveniment annwali kulturali fuq skala kbira bla ħlas fi spazju pubbliku fil-Belt Valletta
Is-sħubija ser tipprovdi appoġġ stabbli għall-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet biex jiżviluppaw, jikkunsinnaw u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-VCA li ssostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-Belt Kapitali.
**FINANZJAMENT**
Dan il-fond jista’ jkopri sa 80% tal-ispejjeż totali jew sa massimu ta’ EUR 155,000 (skont liema minnhom hu l-aktar baxx) kull sena. Il-VCA se tistabbilixxi programm ta’ ffinanzjar għall-benefiċjarji wara taħdidiet dwar il-pjanijiet baġitarji proposti. Il-VCA tirriżerva d-dritt li tagħti fondi lill-benefiċjarji abbażi ta’ allokazzjoni fissa kull 3 snin jew iżżid bil-mod jew tnaqqas bil-mod l-ammont mogħti mingħajr ma taqbeż il-livell limitu ta’ ko-finanzjament ta’ 80% jew l-għotja massima ta’ EUR 155,000 (skont liema minnhom hu l-aktar baxx).
L-ammont mogħti huwa fid-diskrezzjoni tal-VCA.
**ELIĠIBBILTÀ GĦALL-APPLIKAZZJONI**
L-applikant irid ikun kumpanija / organizzazzjoni attiva fil-ħolqien ta’ avvenimenti kulturali (NACE Ref: R 90 Attivitajiet Kreattivi, tal-Arti u tad-Divertiment u R 94.1 Attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ sħubija tan-negozju u min iħaddem) u b’esperjenza fis-settur kreattivi, u li għandha indirizz irreġistrat fil-Gżejjer Maltin.
**KRITERJI TAL-GĦAŻLA**
1. Rilevanza tal-programm artistiku propost (Marki: 40%)
2. Deskrizzjoni tal-Kumpanija / Organizzazzjoni
Jekk jogħġbok ehmeż deskrizzjoni dettaljata li tinkludi l-punti li ġejjin:
viżjoni, missjoni u objettiv ewlieni tal-kumpanija / organizzazzjoni
informazzjoni dwar il-governanza u l-istruttura tal-amministrazzjoni tal-kumpanija / organizzazzjoni
avveniment propost
kollaboraturi li se jimplimentaw l-avveniment
informazzjoni dwar is-sħubijiet proposti
skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ riżultati tanġibbli
pjan ta’ marketing u promozzjoni tal-kumpanija / organizzazzjoni (li jinkludi evidenza ta’ riċerka tas-suq)
baġit, pjanijiet finanzjarji (inkluż sorsi potenzjali ta’ finanzjament, msieħba għall-finanzjament u partijiet ikkonċernati) u rapporti tal-flussi tal-flus li juru sostenibilità finanzjarja
ħarsa ġenerali tal-iskala tal-avveniment f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ persuni fl-udjenza
pjanijiet għall-monitoraġġ u valutazzjoni tar-riskju għall-programm propost (Marki: 40%)
3. Rekord irreġistrat
Kumpaniji / organizzazzjonijiet u/jew individwi involuti fl-istess kumpanija / organizzazzjoni huma mistennija li jkollhom rekord irreġistrat b’saħħtu fis-settur sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-probabbiltà li l-kumpanija / organizzazzjoni tikseb l-għanijiet stipulati fl-applikazzjoni. (Marki: 10%)
4. Ċarezza tal-preżentazzjoni u l-applikazzjoni (Marki: 10%)
**PROĊESS TAL-GĦAŻLA**
L-applikazzjonijiet eliġibbli se jiġu valutati minn tim ta’ evalwazzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-VCA.
L-evalwaturi se jippreżentaw valutazzjoni fuq kull proposta li tindika l-marki rispettivi li ġew mogħtija. Kif speċifikat hawn fuq, kull kriterju huwa allokat numru ta’ marki speċifiċi. Id-deċizjoni tal-Bord tiddependi primarjament fuq jekk il-kumpanija / organizzazzjoni u l-attivitajiet tagħha jindirizzaw il-bżonnijiet stipulati permezz ta’ din is-Sejħa għall-Proposti kif ukoll fuq id-disponibilità tal-fondi.
L-ordni ta’ klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet, skont il-marki allokati mill-
evalwaturi, se tkun ippubblikata onlajn.
**KUNDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI**
• Il-VCA tirriżerva d-dritt li ma tikkunsidrax il-proposta sottomessa jekk din ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din is-sejħa.
• L-informazzjoni kollha mitluba f’dan id-dokument għandha tiġi pprovduta. Kwalunkwe materjal addizzjonali għandu jiġi sottomess flimkien mal-applikazzjoni.
**L-ELIĠIBBILTÀ**
Dawk imsemmija hawn taħt mhumiex eliġibbli jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom:
• Attivitajiet / inizjattivi b’vot linja kif indikat fl-istimi finanzjarji ppublikati mill-Ministeru għall-Finanzi.
• Kumpaniji / organizzazzjonijiet li m’għandhomx indirizz reġistrat fil-Gżejjer Maltin.
• Kumpaniji / organizzazzjonijiet li m’onorawx impenji marbuta ma’ finanzjament fil-passat.
• Kumpaniji / organizzazzjonijiet li l-objettiv tagħhom huwa li jiġbru l-flus jew li huma ta’ natura politika.
**Spejjeż eliġibbli**
Dan il-qasam jista’ jkopri sa 80% jew EUR 155,000 mill-ispejjeż li ġejjin:
• Spejjeż artistiċi
• Spejjeż amministrattivi
• Kiri ta’ spazji
• Reklamar tal-avveniment
• Vjaġġar u akkomodazzjoni
• Valutazzjoni tar-Riskju
• Assigurazzjoni
• Fond ta’ Kontinġenza (mhux aktar minn 10% tal-ispejjeż totali)
**Spejjeż mhux eliġibbli**
• redditu fuq il-kapital
• dejn u spejjeż tas-servizzi tad-dejn
• dispożizzjonijiet għat-telf jew għad-djun
• interessi dovuti
• djun dubjużi
• telf mill-kambju
• spejjeż dikjarati mill benefiċjarju u koperti minn għotja oħra tal-Gvern ta’ Malta jew l-Unjoni Ewropea
• kontribuzzjonijiet in natura li jaqbżu l-5%
• infiq meqjus eċċessiv jew bi traskuraġni
• rifużjoni tal-VAT
**SOTTOMISSJONIJIET**
Sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu permezz ta’ email fuq opencalls@vca.gov.mt sa 12.00 (nofsinhar) it-Tlieta 27 ta’ Settembru 2022. Huwa essenzjali li fl-istess email ikunu nklużi d-dokumenti kollha addizzjonali kif stipulat f’dawn il-linji gwida u regolamenti. Dokumenti akbar minn 4Mb jistgħu jintbagħtu permezz ta’ link WeTransfer. Għandek tinkludi wkoll il-firma (firma elettronika jew scan) kif indikat fil-formola tal-applikazzjoni.
L-applikazzjonijiet se jiġu milqugħa sa nofsinhar (12.00) skont il-kronogramma fuq l-email li tirċievi l-Aġenzija. Applikazzjonijiet mhux kompluti jew li jaslu tard ma jiġux aċċettati.
Kull formola tal-applikazzjoni għandha tiġi ffirmata qabel is-sottomessjoni. Billi jagħmlu dan, l-applikanti jaċċettaw il-kundizzjonijiet tal-fond kif spjegat f’din l-espressjoni ta’ interess u fil-formola tal-applikazzjoni. Formoli tal-applikazzjoni mhux iffirmati ma jiġux aċċettati.
Hija r-responsabbiltà tal-applikant li jippreżenta formola tal-applikazzjoni kompluta kif spjegat f’dawn il-linji gwida u regolamenti. Jiġu eżaminati u evalwati skont il-kriterji għall-għażla stipulati, b’marka finali maħruġa, applikazzjonijiet kompluti biss.
**DOKUMENTAZZJONI OBBLIGATORJA**
L-applikazzjoni għandha tinkludi dawn li ġejjin:
• Kopja tal-formola tal-applikazzjoni ffirmata mir-rappreżentant/i legali tal-kumpanija / organizzazzjoni
• Baġit dettaljat tad-dħul u infiq għall-ewwel sena akkumpanjat minn pjanijiet u previżjonijiet baġitarji fuq medda ta’ tliet snin.
• viżjoni, missjoni u objettiv ewlieni tal-kumpanija / organizzazzjoni
• informazzjoni dwar il-governanza u l-istruttura tal-amministrazzjoni tal-kumpanija / organizzazzjoni
• deskrizzjoni tal-avveniment propost
• kollaboraturi li se jimplimentaw l-avveniment
• informazzjoni dwar is-sħubijiet proposti
• skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ riżultati tanġibbli
• pjan ta’ marketing u promozzjoni tal-kumpanija / organizzazzjoni (li jinkludi evidenza ta’ riċerka tas-suq)
• baġit, pjanijiet finanzjarji (inkluż sorsi potenzjali ta’ finanzjament, msieħba għall-finanzjament u partijiet ikkonċernati) u rapporti tal-flussi tal-flus li juru sostenibilità finanzjarja.
• pjanijiet għall-monitoraġġ u valutazzjoni tar-riskju għall-programm propost
**Dokumenti ta’ sostenn**
Huwa importanti ħafna li, fejn possibbli, ikunu ppreżentati dokumenti ta’ sostenn rilevanti bħal ma huma skambji ta’ messaġġi elettroniċi, dokumentazzjoni uffiċjali li tikkonferma l-punti msemmija fl-applikazzjoni flimkien ma’ kwotazzjonijiet u fatturi mill-passat li jiġġustifikaw il-figuri fil-baġit.
**IMPLIMENTAZZJONI U MONITORAĠĠ**
Jekk l-applikazzjoni tiġi approvata u ffinanzjata, il-benefiċjarji se jiġu mitluba jiffirmaw kuntratt li jistipula l-kundizzjonijiet tal-fond ġewwa l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. Meta jaċċettaw l-għotja, l-applikanti jaċċettaw li isimhom, it-titlu u l-ammont mogħti jistgħu jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta. L-applikazzjonijiet approvati huma soġġetti għal diskussjoni mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u finalizzazzjoni ta’ ftehim ta’ finanzjament dettaljat li jista’ jinkludi kundizzjonijiet speċifiċi u li jiddetermina wkoll il-proċeduri għall-pagament għal dik l-applikazzjoni ffinanzjata speċifika.
Il-benefiċjarji għandhom jużaw il-logo tal-fond fuq il-materjal relatat kollu u jispeċifikaw li l-proġett kien appoġjat mill-Ftehim ta’ Sħubija tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fir-reklamar, promozzjoni u materjal stampat kollu. L-għotja rċevuta għandha tintuża biss għall-iskop li għalih kienet mogħtija, skont il-proposta sottomessa u l-kuntratt.
Il-benefiċjarji għandhom javżaw lill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta immedjatament f’każ li jkun hemm tibdiliet li jaffetwaw in-natura tal-proġett waqt l-implimentazzjoni. It-tibdiliet ma jistgħux ikunu implimentati qabel ma jiġu approvati. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tirriżerva d-dritt li tirrevedi jew iżżomm il-pagament finali jekk il-bidla fil-proġett ma tkunx ikkunsidrata konformi mal-proposta oriġinali, jew jekk l-Aġenzija ma tiġix infurmata bit-tibdiliet fi żmien raġonevoli. Jekk ikun hemm il-bżonn l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tista’ wkoll tressaq proċeduri sabiex tirkupra l-fondi kollha diġà pprovduti fl-għotja.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tirriżerva d-dritt li tibgħat rappreżentanti għal-skopijiet ta’ monitoraġġ. Waqt dawn il-verifiki fuq il-post tista’ tittieħed evidenza fotografika u jistgħu jsiru intervisti. Barra minn hekk l-applikanti magħżula huma mitluba jipparteċipaw fil-promozzjoni tal-fond skont il-bżonn billi jaqsmu l-istorja ta’ suċċess tagħhom kif jitqies xieraq mill-VCA.
Il-benefiċjarji kollha se jkunu mitluba jissottomettu rapporti regolari li jipprovdu aġġornamenti ġenerali jew speċifiċi, kif ukoll rapporti finanzjarji dettaljati, sostnuti b’fatturi, fit-tmien ta’ kull perjodu ta’ finanzjament.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tirriżerva d-dritt li tirrevedi l-proċeduri tal-pagament u l-baġit ġenerali jekk ikun hemm tibdiliet fl-allokazzjoni minn awtoritajiet ċentrali.
**KJARIFIKI U INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI**
Kwalunkwe talba għall-kjarifiki għandha tintbagħat permezz ta’ email fuq opencalls@vca.gov.mt.
**REGOLI U OBBLIGI GĦALL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT**
**Regoli Applikabbli għall-Għajnuna mill-Istat**
It-termini u kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida fir-rigward ta’ dawk il-benefiċjarji li huma impriżi kummerċjali jew organizzazzjonijiet non-governattivi li jeżerċitaw attività ekonomika, huma konformi mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni ta’ Artikli 107 u 108 tat-Trattat, kif emendat u kif jista’ jiġi sossegwentement emendat [minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa].
Il-miżura mhux applikabbli għal dawn li ġejjin:
a. Attivitajiet imsemmija f’Artiklu 1 (2), (3), (4) u (5) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.
b. Impriżi f’diffikultà definiti f’termini tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014.
Barra minn hekk tista’ ma tingħatax assistenza jekk l-għajnuna hija:
a. relatata ma’ attivitajiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, partikolarment għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, għall-ħolqien u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ tqassim jew għal infiq ieħor kurrenti marbut mal-attività tal-esportazzjoni.
b. kontinġenti fuq l-użu ta’ oġġetti domestiċi bi preferenza fuq dawk impurtati.
c. favur benefiċjarju li huwa soġġett għal ordni ta’ rkupru pendenti wara deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mogħtija minn Malta illegali u inkompatibbli mas-suq intern.
**Regoli dwar il-Kumulazzjoni tal-Għajnuna**
F’konformità ma’ Artiklu 8 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, l-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat għall-attività jew il-proġett jew l-impriża megħjuna għandu jiġi kkunsidrat.
L-għajnuna bi spejjeż eliġibbli identifikabbli tista’ tiġi akkumulata ma’:
– kwalunkwe għajnuna oħra mill-Istat, ladarba dawk il-miżuri jikkonċernaw spejjeż eliġibbli differenti li jistgħu jiġu identifikati,
– kull għajnuna oħra mill-Istat, fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli, li jikkoinċidu parzjalment jew għal kollox, biss jekk it-tali akkumulazzjoni ma tirriżultax f’ammont li jaqbeż l-ogħla intensità tal-għajnuna jew l-ogħla ammont ta’ għajnuna applikabbli għal din l-għajnuna.
L-għajnuna m’għandiex tkun akkumulata ma’ kwalunkwe għajnuna de minimis fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jekk kumulazzjoni ta’ dan it-tip tirriżulta f’intensità tal-għajnuna li taqbeż dik stipulata fir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.
**Mistoqsijiet Frekwenti:**
1. Jista’ l-ispazju pubbliku jkun ġewwa (eż. Knisja/teatru)?
Spazju pubbliku huwa definit bħala spazju li n-nies normalment ikollhom aċċess bla restrizzjonijiet u dritt ta’ passaġġ.
2. Wieħed irid jipproponi avveniment differenti għal kull waħda mit-3 snin jew wieħed għal sena partikolari?
L-applikanti interessati għandhom jissottomettu proposti li jiddeskrivu b’mod ċar programm matul it-tliet (3) snin. Proposta għal avveniment għal sena waħda (1) mhix meqjusa bħala eliġibbli.
3. X’jagħmel avveniment wieħed ta’ skala kbira?
Avveniment fuq skala kbira huwa definit bħala wieħed li jġib flimkien tmien mitt (800) persuna jew aktar f’punt wieħed fiż-żmien biex jesperjenzaw l-avveniment propost.