Is-serata fetħet b’Tellieqa Telliqun, kompetizzjoni divertenti fil-Port il-Kbir bejn 6 timijiet li kkompetew kontra xulxin permezz ta’ inġenji tal-baħar li bnew huma stess. Ir-rebbieħa tat-Tellieqa Telliqun 2022 huma Ryan Farrugia u Elise Azzopardi. Fit-tieni post daħlu Daniel Debono u Miguel Gerada u fit-tielet post Wendy Ciantar u Jude Sciberras.
Wara l-band Capone Bungt Bangt mill-Italja tat prestazzjoni mill-aqwa b’numru ta’ strumenti magħmula minn materjal riċiklat u warajhom The Palace String Orchestra, taħt id-direzzjoni ta’ Ryan Abela, b’arranġamenti mużikali ta’ Maestro Paul Abela, ħadet lill-udjenza lura fiż-żmien permezz ta’ siltiet minn kull deċenju mil-lum sal-erbgħinijiet.
Is-snin 70 ġabu wkoll magħhom regatta speċjali bil-lejl li kienet saret għal ewwel darba fl-1979 bil-parteċipazzjoni ta’ 6 klabbs minn madwar il-Port fuq dgħajjes tal-pass. Ir-rebbieħa ta’ din ir-regatta huma l-Kalkara u fit-tieni u t-tielet post ikklassifikaw il-Marsa u Bormla rispettivament.
Is-serata mbagħad kompliet bi prestazzjoni teatrali bl-isem ta’ “It-Taqtigħa” b’kitba ta’ Jean Pierre Magro u b’direzzjoni ta’ Lee-N Abela. F’din il-prestazzjoni ħadu sehem il-Moveo Dance Company u numru ta’ atturi prominenti lokali. Il-qofol tas-serata mbagħad kienet proprju r-rappreżentazzjoni tad-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija fil-Port il-Kbir.
Dan l-ispettaklu kien ukoll mogħni bi projezzjonijiet fuq il-Forti Sant’Anġlu, 6 sferi ta’ 6 metri ‘l waħda magħmula minn 2,500 fjakkola u għeluq maġiku b’logħob tan-nar tal-ajru.
Il-Valletta Pageant of the Seas għal darb’oħra ttella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Visit Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta, Tug Malta, l-Enemalta u Falzon Group.
Dan l-ispettaklu se jkun qiegħed jixxandar fuq TVM nhar it-8 ta’ Lulju fid-20:50