Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, l-inizjattiva “Ittanta Ktieb” se tkun qed terġa’ tirritorna f’diversi dati. Se jkun hemm diversi kotba bil-Malti li se jitħallew f’Kabini tat-Telefown fi Triq ir-Repubblika, bejn is-6pm u t-8pm fit-8, fl-10, fit-13, fil-15, fis-17, fit-22 u fl-24 ta’ Diċembru. Dawk li jaddu minn quddiem dawn il-Kabini tat-Telefown se jiġu mistiedna jieħdu wieħed mill-kotba u jgawduh. Il-kabini tat-telefown se jkunu qed jerġgħu jimtlew bil-kotba kull nofsiegħa.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed tagħti rigal żgħir lill-pubbliku għal żmien il-Milied, se tkun ukoll qed tippromwovi l-qari u l-letteratura Maltija għall-etajiet kollha. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se tkun qed tqassam madwar 500 ktieb b’kollox, fejn il-ġeneri jvarjaw minn avventura u fantażija, poeżiji, kritika tal-arti, rumanz, u rumanz politiku.
Dan l-aveniment huwa parti mill-Programm Milied fil-Belt tal-Aġenzija Kultuarli għall-Belt Valletta, li ser iseħħ bejn it-22 ta’ Novembru u l-24 ta’ Diċembru fil-pjazez prinċipali, postijiet strateġiċi u t-toroq pittoreski tal-Belt Valletta. Id-dwal tal-Milied u d-dekorazzjonijiet jistgħu jitgawdew sal-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.
Żur [il-paġna ta’ Facebook](https://www.facebook.com/vallettaculturalagency) tal-Aġenzija għall-aktar dettalji.