Il-Valletta Design Cluster huwa fost it-52 proġett li qed jikkompetu għall-Premju. Dawn ġew magħżula minn total ta’ 1,100 nominazzjoni u se jkunu parti min-New European Bauhaus Festival li se jsir fi Brussell f’Ġunju. Il-proġetti tħabbru flimkien b’sistema ta’ votazzjoni pubblika f’erba’ kategoriji differenti.
Immexxi mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-Valletta Design Cluster jipprovdi spazju u opportunitajiet għad-disinn ta’ start-ups u operaturi kreattivi, fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta. Il-Valletta Design Cluster ġie magħżul fil-kategorija “Regaining a sense of belonging” li tirrifletti l-aspett komunitarju tal-Cluster. Il-votazzjoni hija miftuħa sat-Tnejn 16 ta’ Mejju fis-6pm fuq https://europa.eu/new-european-bauhaus/get-involved/2022-prizes_en.
In-New European Bauhaus huwa inizjattiva kreattiva u interdixxiplinari li tgħaqqad il-Patt Ekoloġiku Ewropew mal-ispazji tal-għajxien u l-esperjenzi tagħna. Hija r-responsabbiltà tagħna li nimmaġinaw u nibnu flimkien futur sostenibbli u inklussiv li jistimula l-għajnejn, il-moħħ u r-ruħ. Il-postijiet, il-prattiki, u l-esperjenzi li jarrikkixxu b’mod artistiku u li huma sostenibbli u inklussivi huma sbieħ.
Il-binja li llum ġiet irrestawarta, kienet isservi bħala biċċerija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann, u matul is-snin serviet għal ħafna skopijiet, inkluż bħala żona residenzjali sas-sittinijiet. Din il-binja nfetħet mill-ġdid fl-2021 wara diversi snin ta’ xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni bħala proġett tal-legat ta’ Valletta 2018 — il-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Il-VDC, li nfetaħ fl-2021, dan l-aħħar ingħata l-isem rebbieħ ta’ żewġ premjijiet nazzjonali: il-Premju għar-Rijabilitazzjoni u l-Konservazzjoni, u l-Premju għall-Ispazji Miftuħa Pubbliċi. Dawn jaqgħu taħt il-Premji tal-Malta Architecture and Spatial Planning (MASP) li jirrikonoxxu x-xogħol ta’ periti, disinjaturi interni, studenti universitarji u individwi li jagħtu kontribut eċċellenti permezz tal-prattika tal-arkitettura u l-ambjent mibni, fost oħrajn.
Fl-2021, il-ġnien ta’ fuq il-bejt tal-Valletta Design Cluster kien wieħed mir-rebbieħa tal-kategorija “City Landscape” tal-konkors internazzjonali Premio – Concorso “City_Brand & Tourism Landscape Award” ta’ Paysage Topscape. Il-ġnien ġie ddisinjat mill-Perit Tetsuo Kondo bbażat fil-Ġappun.
Il-Valletta Design Cluster li huwa parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej ra investiment ta’ €10.4 miljun. Ir-restawr tiegħu ġie fdat lid-Direttorat tar-Restawr taħt id-direzzjoni tal-Perit Norbert Gatt filwaqt li l-Perit Amanda-Jane DeGiovanni ssorveljat dan il-proġett.
Għal aktar informazzjoni dwar il-VDC, żur vca.gov.mt