Fl-isfond tal-pandemija, meta pajjiżi akbar madwar id-dinja qed isibuha diffiċli biex jipprovdu servizzi bżonnjużi, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qed tkompli tibni fuq ix-xogħol siewi u l-isforzi li saru matul dawn l-aħħar snin filwaqt li tappoġġja l-arti. L-investiment fl-arti hu investiment fil-kwalità tal-ħajja tagħna issa aktar minn qatt qabel u minkejja ż-żmien diffiċli li qed naffaċċjaw, l-isforzi jkomplu.
Permezz ta’ investiment ta’ €10.4 miljun, il-Valletta Design Cluster – ibbażat f’binja storika li sfat abbandunata għal 50 sena – fetaħ il-bibien tiegħu għad-disinjaturi, artisti, kreattivi u lill-komunità Beltija, li jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ sħubija u l-programmi varji li qed jiġu żviluppati.
Fl-1 ta’ Mejju, se tintwera prestazzjoni li tiċċelebra r-reżiljenza tal-arti u l-artisti fuq TVM fid-9pm. Artisti u mużiċisti ta’ fama internazzjonali ser jingħaqdu flimkien biex jeżegwixxu sett ta’ kanzunetti mill-isbaħ mir-repertorju klassiku, taħt id-direzzjoni artistika tal-Ambaxxatur Kulturali Malti Lawrence Renes.
Għal darb’oħra, Mejju jġib miegħu l-Valletta Green Festival – li din is-sena se jinfirex madwar il-Belt – minn Bieb il-Belt u jibqa’ sejjer sa Pjazza San Ġorġ, fejn iseħħu l-attivitajiet prinċipali. L-infjorata ta’ din is-sena ġiet iddisinjata minn Zach Ritchie fuq it-tema ‘Tniġġis Żero’. Wieħed jista’ jgawdi wkoll il-ġnien ta’ fuq il-bejt fil-Valletta Design Cluster, li huwa mistenni jkun fl-aqwa tiegħu dak iż-żmien.
The Strada Stretta Concept, taħt id-direzzjoni artistika tal-Profs Giuseppe Schembri Bonaci, jkompli bil-filming u eventwalment il-wiri ta’ Loin des yeux du Monde, prestazzjoni tal-kompożitriċi mwielda r-Russja Olga Vassileva u l-awtriċi Franċiża Anna Civert, taċ-ċiklu ta’ 30 kanzunetta. Fl-istess xahar, wieħed mill-mużiċisti Maltin ewlenin fil-qasam tal-Jazz Sandro Zerafa, flimkien ma’ żewġ ensembles differenti – dwett u trio – ser jippreżentaw ‘Last Night When We Were Young’. Dan il-proġett li qed jittella’ bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, se jinkludi masterclasses mingħajr ħlas.
Il-proġett kollaborattiv ta’ arti viżiva u riċerka fuse huwa marbut mal-komunitajiet madwar il-bini tal-Biċċerija l-Antika fil-Belt Valletta. Ikkurata minn Elyse Tonna, din l-esibizzjoni ta’ arti pubblika speċifiċi għas-sit se sseħħ fil-madwar tal-Valletta Design Cluster minn tmien artisti kontemporanji u gruppi ta’ artisti u tiftaħ virtwalment fit-30 ta’ April.
Il-proġett ta’ fotografija TNAX ikompli b’kompetizzjoni onlajn, filwaqt li ser joħorġu numru ta’ sejħiet għall-artisti minn dixxiplini varji biex jagħmlu parti mill-programm tal-Aġenzija.
Minħabba s-sitwazzjoni li għaddejja bħalissa, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta tirriserva d-dritt li temenda d-dati u dettalji oħra tal-attivitajiet tagħha f’kull ħin. L-aġġornamenti jittellgħu fuq dan is-sit u [l-paġna ta’ Facebook](https://www.facebook.com/vallettaculturalagency).