L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ngħaqdet ma’ Skyline Webcams biex tinstalla webcam fuq il-bejt tal-palazz tal-Granmastru għal dan il-għan. Il-pubbliku jista’ jaċċessaha f’kull ħin permezz tal-ħolqa li ġejja: https://www.skylinewebcams.com/en/webcam/malta/malta/valletta/st-george-square-valletta.html jew billi jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Valletta Cultural Agency. Grazzi għal dawn il-webcams, il-pubbliku jista’ wkoll isegwi l-proċess tat-tlestija tal-infjorata, peress li l-webcams huma aċċessibbli l-ħin kollu.
Bit-titlu “Beeodiversity”, l-infjorata ta’ din is-sena hija maħluqa u ddisinjata mill-artista Lisa Marie Kähler. Id-disinn ta’ din is-sena għandu kemm messaġġ ta’ tama f’dawn iż-żminijiet diffiċli li qed ngħixu fihom, kif ukoll messaġġ li jħeġġeġ lin-nies isiru konxji ta’ dak li jhedded il-bijodiversità, it-tema għall-Valletta Green Festival ta’ din is-sena.
L-infjorata ta’ din is-sena mhix biss magħmula minn fjuri, li tħawwlu mill-Environmental Lanscapes Consortium (ELC) qabel il-bidu tal-imxija tal-Covid-19 f’Malta, iżda wkoll minn materjali organiċi u sostenibbli oħra, bħal lumi u qxur tal-ġellewż. Il-punt fokali tad-disinn huwa naħla kbira, li tfakkar fir-rwol importanti li dawn l-insetti għandhom fl-ekosistema tagħna. Il-fjuri li hemm madwarha jirrappreżentaw ir-rwol tan-naħal bħala pollinaturi, rwol ewlieni biex il-pjanti u s-siġar ikunu jistgħu jikbru, filwaqt li joħolqu ikel u kenn għal speċi oħra. Id-disinn tal-infjorata juri wkoll għasafar estinti u iljunfanti żgħar, li jirrappreżentaw it-telf li ġarrabna u li se nġarrbu jekk in-naħal jispiċċaw estinti peress li huma mhedda mit-tniġġis, il-biedja kummerċjali u t-telf tal-abitat. Il-mewġ jirrappreżenta l-ilma li għandu rwol ewlieni fis-sopravivenza tagħna, filwaqt li l-parti miksija bir-ramel tirrappreżenta l-futur tal-ġenerazzjonijiet li jmiss, li ħaqqhom jirtu ambjent b’saħħtu. Il-parti mgħamula mir-ramel fil-qiegħ tad-disinn tirrappreżenta żona ta’ potenzjal, li tissimbolizza kif l-azzjonijiet tagħna jiddeterminaw jekk l-art hux se tibqa’ għerja u nieqsa mill-bijodiversità jew jekk hux se tiffjorixxi bi pjanti u annimali ta’ kull xorta.
Fis-snin ta ’qabel, ħafna mill-fjuri kienu jiġu mogħtija lil membri tal-pubbliku li jżuru l-pjazza waqt kif ukoll fi tmiem il-festival waqt li l-kumplament kienu jerġgħu jintużaw mill-ELC. Din is-sena, sabiex jiġu segwiti r-regoli tad-distanza soċjali, il-pubbliku huwa skoraġġut milli jżur il-pjazza fi tmiem il-festival, billi l-fjuri kollha se jintbagħtu lura lill-ELC biex jintużaw fir-roundabouts madwar il-gżira.
Segwi l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għal aktar informazzjoni, u biex issegwi l-live-stream bejn is-7 u l-10 ta’ Mejju.