Il-Programm jinkludi ‘l fuq minn 40 avveniment u proġett ta’ ġeneri differenti fosthom il-mużika, l-arti kontemporanja, iż-żfin, iċ-ċinema u t-teatru, id-disinn, l-opra, programm ta’ artisti f’residenza, attivitajiet għar-residenti u l-membri tal-komunitajiet Beltin u festivals.
Waqt it-tnedija tal-Programm, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li, “grazzi għall-Valletta 2018, irnexxielna nibdlu l-belt kapitali tagħna f’hub kulturali mill-aqwa, u permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta se nkomplu naħdmu fuq il-legat li ġabet magħha l-Kapitali tal-Kultura, filwaqt li nkomplu nsaħħu s-settur kulturali. Permezz tal-Aġenzija nistgħu nkomplu nipprovdu pjattaforma soda għall-artisti lokali speċjalment minħabba li b’inizjattivi ta’ din is-sura nistgħu nkomplu nwessgħu l-opportunitajiet artistiċi tagħhom kemm fuq livell lokali, kif ukoll internazzjonali.”
“Il-programm annwali huwa żviluppat flimkien ma’ artisti u entitajiet kulturali u jinkludi kollaborazzjonijiet li deċiżament se jkomplu jsaħħu l-potenzjal ta’ pajjiżna fejn għandha x’taqsam l-isfera kulturali u jservi wkoll rwol kruċjali għat-tisħiħ tal-prodott kulturali tagħna,” kompla jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Numru ta’ proġetti qed jittellgħu f’kollaborazzjoni ma’ diversi Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi u entitajiet kulturali oħrajn, bħala parti mill-għan ewlieni tal-Aġenzija li ttejjeb l-aċċess u l-parteċipazzjoni permezz tal-kollaborazzjoni u l-kreattività. Hemm iktar minn 300 ruħ involuti fil-produzzjoni ta’ dawn il-proġetti, flimkien ma’ 15-il organizzazzjoni li jinkludu r-residenti u l-membri ta’ diversi komunitajiet Beltin. Matul is-sena se jkunu qed jipparteċipaw ‘il fuq minn 240 artist lokali u 49 artist internazzjonali minn dixxiplini artistiċi differenti.
Il-Programm Kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta jinkludi wkoll proġetti u inizjattivi mill-Valletta Design Cluster, li mistenni jiftaħ il-bibien tiegħu dan is-sajf, u The Strada Stretta Concept, proġett għar-riġenerazzjoni kulturali ta’ Strada Stretta bħala parti mil-legat ta’ Valletta 2018.
Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li, “Dan hu eżempju ħaj tal-legat li ħalliet warajha l-2018. Illum il-Belt Valletta għandha Programm Kulturali tagħha grazzi għall-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta mwaqqfa apposta bħala parti mil-legat ta’ Valletta 2018.”
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone qalet li, “Settur kulturali sostenibbli u li dejjem jikber kapaċi jsostni n-nisġiet ekonomiċi u soċjali tal-Belt Valletta, iressaq il-komunitajiet qrib xulxin, joħloq pjattaforma għall-parteċipazzjoni ċivika, jagħti xogħol lil mijiet ta’ ħaddiema, jiġbed eluf ta’ turisti, u jiġġenera l-miljuni f’attività ekonomika kull sena. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija se tkompli tiżgura li r-riġenerazzjoni kontinwa tal-Belt Kapitali tagħna żżomm il-kultura, il-wirt u l-arti fil-qalba tagħha.”
Il-proġetti fi ħdan il-Programm jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni u l-ko-kreazzjoni f’dixxiplini artistiċi differenti tar-residenti, il-ħaddiema, il-viżitaturi u l-partijiet interessati kollha tal-Belt Valletta kif ukoll tal-pubbliku ġenerali, u joħolqu pjattaforma kreattivi għall-artisti, kemm dawk stabbiliti u anke dawk ġodda. Għalhekk, il-Programm se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura kulturali lokali, u jibni fuq il-legat ta’ Valletta 2018, il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, li xprunat ir-riġenerazzjoni soċjali, kulturali u infrastrutturali ġewwa l-Belt Valletta fl-2018 u s-snin ta’ qabilha.
L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta twaqqfet f’April tal-2019 sabiex issostni u ssaħħaħ il-ħajja kulturali vibranti tal-Kapitali permezz tal-ħolqien ta’ programm annwali ta’ avvenimenti kreattivi żviluppati f’kollaborazzjoni ma’ artisti u Organizzazzjonijiet Kulturali Pubbliċi. Bħala parti mil-legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, l-Aġenzija tara li jinżammu standards għoljin f’dak li għandu x’jaqsam mal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti kulturali ġewwa l-belt, filwaqt li ttejjeb l-aċċess u tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta’ udjenza diversa.
Għal iktar informazzjoni u biex iżżomm ruħek aġġornat dwar l-avvenimenti li ġejjin u opportunitajiet għall-parteċipazzjoni, agħmel ‘like’ u segwi l-paġni ta’ Facebook u Instagram tal-Valletta Cultural Agency, jew żur is-sit tagħna, www.vca.gov.mt .