Il-Biċċerija l-Antika
X'inhu l-Valletta Design Cluster?
Il-Valletta Design Cluster fi ħdan l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta — proġett legat ta’ Valletta 2018, Kapitali Ewropea tal-Kultura — huwa spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li jinsab fil-Biċċerija l-Antika fil-Belt Valletta, li ġiet rinnovata f’dawn l-aħħar snin. Il-Valletta Design Cluster jiffoka fuq id-disinn, l-intraprenditorija u l-impatt soċjali, filwaqt li jappoġġja u jippromwovi disinn iċċentrat fuq l-utent bħala katalist għall-innovazzjoni u bħala approċċ multidixxiplinarju li jista’ joħloq impatti pożittivi għall-komunitajiet u l-individwi.
L-għan tal-Valletta Design Cluster huwa dak li jipprovdi spazju u opportunitajiet lill-operaturi kulturali u kreattivi ta’ Malta li dejjem qed jikbru. Huwa proġett b’rabtiet sodi fl-istorja rikka tal-Belt Valletta, li jipprovdi pont bejn 450 sena ta’ attività urbana u l-futur tal-Belt. Il-kontributuri umani ewlenin għal dan l-isforz kbir ta’ riġenerazzjoni huma r-residenti tal-Belt Valletta u l-komunitajiet ġirien flimkien ma’ professjonisti kulturali u kreattivi fi prattiċi intensivi fid-disinn.
X'faċilitajiet noffru?
Dan l-ispazju jinkludi riżorsi u żoni dedikati għall-ko-ħidma, Makerspace, kmamar għal-laqgħat u faċilitajiet għall-konferenzi, spazju għall-ikel, stujows u anke ġnien ġdid fuq il-bejt tal-binja. Il-Valletta Design Cluster għandu wkoll l-ispazji tiegħu stess għal prattikanti f’residenza, b’żewġ appartamenti li jistgħu jintużaw ukoll bħala laboratorji għal proġetti internazzjonali għal prattikanti kreattivi, dawk li joħolqu oġġetti permezz tad-disinn u riċerkaturi li jżuru pajjiżna.
Xi jfisser għalina d-Disinn?
“Id-disinn huwa dixxiplina ta’ studju u prattika ffukata fuq l-interazzjoni bejn persuna — ‘utent’— u l-ambjent magħmul mill-bniedem, li tqis kunsiderazzjonijiet estetiċi, funzjonali, kuntestwali, kulturali u soċjetali.” Il-Kunsill Internazzjonali għad-Disinn
Fil-Valletta Design Cluster, aħna niddefinixxu d-disinn bħala azzjoni, proċess, u riżultat fejn il-mutur wara dan kollu huwa l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni funzjonali għal problema li jaqsmu ħafna. Id-disinn jgħaqqad il-kreattività u l-innovazzjoni biex jifforma l-ideat f’realtà, kemm jekk ikun post, prodott, servizz, sistema jew mod ta’ għajxien sabiex id-dinja ssir post aħjar. Aħna nemmnu li billi nieħdu sehem f’attivitajiet li jtejbu l-benessri soċjali naqdu aħjar il-komunitajiet tagħna u nwettqu r-rwol tagħna bħala pjattaforma għall-inkoraġġiment u l-iskambju.
Għalhekk, ninkoraġġixxu l-kollaborazzjoni, l-inklussività, il-ko-kreazzjoni u l-esperimentazzjoni fi ħdan u fost diversi dixxiplini, li jvarjaw minn prattika artistika u kreattiva, intrapriża sostenibbli, id-disinn tal-prodotti, l-arkitettura, il-moda, ir-robotika, il-krafts, il-placemaking, il-prattika kulinarja, id-disinn tal-logħob u tas-software, disinn relatat mal-industrija tal-films, l-intrapriża soċjali u aktar.
Tixtieq issir membru?
Agħti daqqa t’għajn lejn l-iskemi ta’ sħubija tagħna.
© 2022 – Valletta Cultural Agency. Id-drittijiet kollha riżervati.